Ġabra tal-Malti Qadim

Il-Ġabra tal-Malti Qadim hija ġabra ta' kliem minn għejun antiki Maltin.

Dwar il-Ġabra tal-Malti Qadim

Id-dizzjunarju ta’ Aquilina għandu taqsima żgħira ddedikata lill-istorja tal-kelma. Jiġifieri jgħidilna kull kelma fejn dehret miktuba l-ewwel darba, u ħafna drabi jsemmi d-dizzjunarji kbar ta’ de Soldanis (c. 1760) u Vassalli (1796). Imma minn żmien Aquilina ’l hawn sar ħafna xogħol biex il-kliem miktub f’dokumenti qodma bil-Malti, jew imqar xi kliem iżolat qalb kitba bil-Latin, bl-Isqalli jew bit-Taljan, jinġabar għalih.

Din hija ġabra tal-kliem kif deher kull darba f’għadd ġmielu ta’ dokumenti qodma (prietki, kuntratti, eċċ.), min kitbu u f’liema dokument jinsab. Dan ix-xogħol sar f’għadd ta’ teżijiet mill-istudenti tad-Dipartiment tal-Malti u kien ikkoordinat minn Olvin Vella taħt is-superviżjoni ġenerali tal-Prof. Manwel Mifsud. Albert Gatt tal-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa għamlu aċċessibbli f’forma elettronika, bħala parti mis-Server għar-Riżorsi Lingwistiċi bil-Malti (MLRS).